Il-Kunsill ta’ Birkirkara ma hu qed jagħmel xejn dwar l-indafa fil-lokalita’: ir-reżidenti mxebbgħin bil-ħmieġ li hemm f’din il-lokalita’.

Minn Marica Micallef

Il-Kunsill ta’ Birkirkara għadu ma qamx mir-raqda u m’għamel xejn dwar l-indafa minn mindu dan is-sit ippubblika blog wara li xi reżidenti kkuntattjawni biex jgħiduli x’qed idejjaqhom f’Birkirkara – bażikament in-nuqqas ta’ ndafa in-nuqqas ta’ bins pubbliċi u n-nuqqas min-naħa ta’ xi reżidenti li ma jnaddfux wara l-kelb tagħhom.

Ir-reżidenti reġgħu kkuntattjaw lil dan is-sit biex jinfurmawni li s-sitwazzjoni baqgħet l-istess. La żdiedu l-bins u l-ħmieġ għadu jirrenja. Bagħtu anki xi ritratti ta’ xi bins pubbliċi li ilhom mimlijin sa ruħ ommhom u mfawrin għal ġimgħatejn. Dan qed iġib miegħu rwejjaħ dubbien u nemus – nuqqas ta’ sanita’.

Ġejt infurmata wkoll li ż-żewġ bins ġodda li tpoġġew madwar il-knisja ta’ Santa Liena jdumu ma jitbattlu wkoll tant li wkoll ifuru sa ruħ ommhom biż-żibel jispiċċa jaqa’ minnhom. U minħabba li hawn nuqqas ta’ bins dawn il-bins iktar qed jintużaw u jfuru.

Il-Kunsilliera ta’ Birkirkara jaqaw qegħdin fuq xi btala? Jew qegħdin fuq xi taħriġ dwar kif għandek tħabbrek meta tkun fil-kunsill?

Dak li qed nieħdu ġo dal-pajjiż li sejjer lura bħall-granċ. Politikanti bil-jottijiet u vilel u tejatrini fit-Teatru Manoel u safar bl-addoċċ; politikanti li f’daqqa waħda jibdew ifuru bil-flus jekk f’daqqa waħda ma jitlax isimhom fil-Panama u fil-Pandora wkoll! Kuntratti korrotti li allajbierek ħadd m’għandu tort għalihom jew li ħadd ma kien jaf bihom imma li ġew iffirmati u aċċettati minn xi fatati u iħirsa ġewwa Kastilja. Dawk li jixtruhom filwaqt li jgħixu l-ħajja lussuża jgħaddulhom ftit minn dil-ħajja lussuża u aħna jiena u inti ngħixu fil-maqjel mitmugħa l-frak tal-ħobż. Ejjew inkomplu nobdu u nċapċpċu u nħallsu t-taxxi la kollha jarawna Ġaħan. Ħa tqum poplu? Jew ħa tibqa’ magħruf fl-istorja bħala l-Ġaħan Malti lluppjat?
Imma qed ikollna naslu biex niktbu blog biex navżaw lill-kunsill li l-bins mhux qed jiġu mbattla? Qisha l-aħbar tas-seklu?! Ir-reżidenti jixtiequ jkunu jafu għaliex dawn il-bins ma jiġux imbattla darba f’ġimgħa imma jitħallew ifuru u meta jfuru jibqgħu hekk għal ġimgħat. Hemm xi kuntratt li min hu responsabbli jrid jiġi darba f’mitt qamar jaqaw?

Dak li qed nieħdu ġo dal-pajjiż. Imbasta jisirqulna l-flus permezz tat-taxxi mill-pagi. Imbasta jagħtuna paga miżera li tistinka kemm tistinka tħallik fejn inti jekk mhux b’ilsienek barra biex tagħmel xi kapriċċ.

U ara ma jiġix xi kunsill jgħidilna li m’għandux flus. Għax flus biex tal-business jixtru l-politikanti pro-business li jorqdu fl-istess sodda ma’ tal-business hawn. Għax ħasil ta’ flus permezz tal-bini jew xiri ta’ propjeta’ jew karozzi ħafna minnhom tal-kiri hawn. Għax nies tal-business li flimkien ma’ xi politikanti jagħmlu xi business tat-tkewwis fit-trab abjad hawn. Għax filkaż il-kunsilli għandhom imorru jħabbtu l-bibien ta’ dawk li qed jitħanżru b’xi żewġ pagiet jew li qed jingħataw xi paga fenomenali bil-barka tal-gvern mimli politikanti li jriduha tal-politiċi li l-but politikant tagħhom far bil-liri kemm ilhom fil-politika.

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram