Jistgħu l-Ministri Byron Camilleri u Silvio Schembri jgħidu kemm daħħlu nies fl-aġenziji li jaqgħu taħthom?

Il-Ministru Byron Camilleri għandu jibda jwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet ta’ ilmenti li rċivejt mingħand xi ħaddiema li jaħdmu f’aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.

Ministru Camilleri tista’ tgħid lill-poplu kemm iddaħħlu nies jaħdmu f’aġenziji taħt id-dekasteru tiegħek li la jafu Ingliż u la għandhom xi tip ta’ bażi edukattiva meta dawn iridu jikkomunikaw ma’ refuġjati u li ma ġewx imsejħa għall-ebda interview? Jew jekk ġew kollox kien ġa magħżul minn qabel? Wara kollox għal dawn it-tip ta’ xogħlijiet irid ikollok vokazzjoni u mħabba lejn il-proxxmu li per eżempju jkollu kulur tal-ġilda differenti minn tiegħek flok il-kulur aħmar imċappas ma’ wiċċu!

Għax suppost kulħadd huwa responsabbli li l-bank tas-siġġu tal-iskola jara kif jagħmel biex ma jsaħħnux għalxejn u għallinqas joħroġ b’għodda bażiċi li jgħinuh ħalli mbagħad ma mmorru nilagħqu l-ebda partit jew ministru biex joffrilna xogħol li jagħtih ħalli jaċċerta ruħu li jerġa’ jitla’ sparat fl-elezzjoni. Inkella nispiċċaw nibku ħafna dmugħ li nassigurakom li ma jkunx tal-kukkudrilli għax is-siġġu tal-poter tħalla warajna! B’dawn il-politikanti ta’ ħabba gozz irridu mmexxu pajjiż – li sfortunatament waqt l-elezzonijiet in-nies ma tiġġudikax fuq kemm għamlu xogħolhom tajjeb imma fuq kemm ingħataw favuri minnhom meta oħrajn li għandhom l-għodda kwalifiċi u esperjenza meħtieġa ma jintgħażlux għax ma marrux ikellmu lil xi guru!

U kif qed nitkellmu fuq il-gurus jista’ l-Ministru Silvio Schembri jgħid lill-poplu kemm daħħal nies jaħdmu fis-settur tal-“igaming” biex ma nagħtix elenku ta’ ministri oħra u li tagħhom għandi informazzjoni?

U dawn ġraw ukoll taħt il-partit nazzjonalista biex ma jmurx ikun hemm xi nazzjonalist li jilgħabha tad-dejjaq. B’hekk dan il-pajjiż ma jfieq qatt u għadu staġnat fi żmien in-Neandertal!

Ministru Camilleri tista’ tgħid lill-poplu kemm nies f’dawn l-aġenziji jilħqu xħin iġibu biċċa karta minn xi kors tal-universita’ imma mbagħad xorta ma jkunux jafu jagħmlu xogħolhom u jispiċċaw jiġu megħjuna minn impjegati li għax m’għandhomx din il-karta ma jingħataw l-ebda “promotion” allavolja għandhom l-esperjenza u “seniority”?

Ministru Camilleri tista’ tgħid lill-poplu kemm qed jiġu wżati flus għalxejn u kemm qed ikun hemm ħela biex jinxtara kollox ġdid fjamant f’dawn l-aġenziji waqt li jarmu t-tajjeb imma li jkun antik u minflok iġibu l-imbarazz ġdid meta l-ġdid jiġi b’”expiry date”? La xi ħaġa tkun għadha tajba għandha tinżamm u l-flus jintużaw sew! U waqt din il-ħela kollha l-impjegati dejjem qed jiġu mnaqqsa minn affarijiet oħra bżonnjużi.

Ministru Camilleri tista’ tgħid lill-poplu kemm jintefqu flus mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fix-xejn fl-aġenziji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħek imma mbasta nilagħqu lil din l-Unjoni korrotta?

Imma l-aqwa li taħt il-Labour jgħidulek “Tista’ tkun kontra tagħna imma tista’ taħdem magħna” fis-surrealiżmu u fantasija politika Maltija ħalli jekk inti tinzerta tkun beżżul u tispiċċa taħdem taħt xi direttur nazzjonalist li jobgħod lil-laburist tispiċċa vittma ta’ vendikazzjonijiet u preferenzi waħda wara oħra. U dan ġara wkoll taħt gvernijiet nazzjonalisti! Dan hu pajjiż li ħa jibqa’ jġorr feriti ta’ nies li sofrew inġustizzji politiċi fuq il-postijiet tax-xogħol taħt kull kulur.

U ma’ din inżid “Tista’ tkun magħna wkoll għax xi mkien indeffsuk – jekk tkellimna, tittallab u twiegħdna ċ-ċejċa fl-elezzjoni. Jekk le kun normali, studja applika mur għall-“interviews” u jekk ma tintgħażilx ħabbat fuq bibien ta’ xogħlijiet oħra.”

Dan huwa pajjiż li ma jitgħallem qatt għax in-nies jibqgħu jittallbu u l-gurus politikanti jibqgħu jużaw din l-istrateġija bħala għodda politika. U ta’ gurus li huma spiss joħolqu xi postijiet mill-arja ħalli jimlewhom bil-ħbieb tal-ħbieb b’pagi fenomenali li dwarhom inti tista’ biss toħlom f’xi ħolma jew f’xi “fairytale”.

Imma naħseb għalxejn ngħajtu b’leħen wieħed biex tirreżenja jew biex Robert Abela jiġi lluminat u jsejjaħlek biex tirriżenja b’Gafa’ jżommlok il-bieb ħalli joħroġ warajk għax sfortunatament fil-politika is-sewwieq biss jinbidel imma l-ferrovija u d-destinazzjoni jibqgħu l-istess!

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram