Erba’ kelmiet lic-Chieftain tar-Repubblichini ir-Repubblichino Robert Aquilina.

Iddeċidejt li nħarbex erba’ kelmiet liċ-Chieftain tar-Repubblichini Robert Aquilina.

Kellna l-konferma li hawn Malta r-riħ mhemmx għalfejn jonfoħ biex il-pinnuri juruk f’liema direzzjoni jkun qed jonfoħ. Jista’ mhux ikollna xi grigalata għax dawn il-pinnuri jsiru esperti f’dan il-qasam.

Qed inkompli mal-blog ta’ Profs Simon Mercieca “Robert Aquilina jfakkar lil Robert Abela li hu obbligat lejhom imma ma jgħid xejn fuq l-abort” pero’ l-“post” t’Aquilina fih ħafna x’togħmod u tixtarr.

Għax f’dan il-“post” Robert Aquilina bil-pulit fakkar lil Robert Abela li hu obbligat lejhom peress li skont hu kienu huma li ġabu l-waqgħa tal-istess Joseph Muscat. Jekk kinux huma jew kienx Muscat li ddeċieda minix se noqgħod nidħol fiha. Jiena minix midħla ta’ kif jaħdem iċ-ċirku għalkemm nipprova nimxi fiż-żarbun ta’ min jaħdem fl-istess ċirku u anki ta’ dawk li jaħdmu minn wara l-kwinti ta’ dan iċ-ċirku. Kemm infakkar lil Aquilina li meta xi ħaġa fiċ-ċirku tmur ħażin jinħarġu l-buffi biex idaħħku u jaljenaw lin-nies.

Imma għaliex ir-Repubblichino jrid jieħu dal-mertu meta huwa parti mill-poplu li għażel u tella’ lil Robert Abela u huwa l-poplu li reġa’ tella’ l-Partit Laburista fil-gvern mela allura sta għall-istess poplu li jniżżel lil Abela u lill-istess Partit Laburista! Il-poplu għandu dritt isemma’ leħnu u għandu dritt jinżel fit-toroq kif għamlu r-Repubblichini bl-iskuża tar-Rule of Law!

Għax meta l-poplu vvota la vvota għall-abort u lanqas ivvota biex ikollu l-orkestra ddoqq it-Traviata minn wara s-separju!

Nista’ nassigurak li la intom, la Occupy Justice, la xi Manuel Delia u lanqas xi Andrew Borg Cardona ma ġejtu mogħtija d-dritt sagrosant mill-poplu biex tniżżlu jew ittellgħu l-gvern. Dak hu biss jedd li jingħata lill-poplu.

Skont il-fehma tiegħi dan il-“post” tar-Repubblichino kien theddida bil-pulit. Bħal donnu r-Repubblichino ried jinsinwa li jekk Abela ħa jċedi u ma jdaħħalx l-abort ir-Repubblichini ħa jerġgħu jinżlu fit-toroq. Din id-darba mhux biex jipprotestaw dwar ir-Rule of Law imma biex jiġbru magħhom lill-brigata tal-abortisti, il-woke u l-liberali ħalli jipperswadu lill-poplu li r-Rule of Law tista’ titbagħbas, tintmess u tinkiser meta l-aġendi tagħhom ikunu fin-nofs!

Għax dawn ir-Repubblichini ħelwin wisq. Fuq is-sit tagħhom issib artiklu li jismu “Reform of Malta’s Constitution: Recommendations on a Procedure for the Consideration and Approval of Amendments to the Constitution…”

Imma mbagħad li tinkiser l-istess Kostituzzjoni ħalli nbiċċru u noqtlu t-trabi hemmhekk ir-riforma fil-Kostituzzjoni mhemmx bżonnha.  Nibqa’ nfakkar lill-qarrejja fil-grigalata u d-direzzjoni tar-riħ….

Għax ħalli ninżlu nipprotestaw u nkissru l-businesses tal-Belt meta tbiċċret f’biċċiet Daphne Caruana Galizia li ovvjament jiena nikkundanna bil-kbir imma mbagħad ma ningħaqdux ma’ 20, 000 elf ruħ li qed jipprotestaw kontra t-tbiċċir f’biċċiet tat-trabi! Anzi minflok nimlew il-Facebook page bi kliem fieragħ ta’ theddid pulit.

Għax ir-Repubblichino li suppost jimxi b’mod rett kif tiddetta r-Rule of Law ma jiddejjaqx imur iħammeg lin-nies waqt xi parlata f’xi Universita`. Għax dan-nies ħalli jikkritawk u jipprovaw ikissruk b’xi wħud jaqgħu fil-ħamallaġni meta jaħsbu li għandu jkun hekk. Imma mbagħad inti ma tistax tikkritikahom jew tagħmel xi ħaġa li ma togħġobhomx għax jaħsbu li huma xi għoġol tad-deheb li l-Iżraeliti bnew waqt li Mosé kien qed jingħata l-għaxar kmandamenti! Bilkemm ma jippretendux li kif in-nies tarahom jieqfu u jgħajtu “Sieg Heil.”

Aquilina jindirizza anki lill-kummissarju tal-pulizija Angelo Gafà . Minix se nidħol fil-mertu ta’ kif qed jagħmel xogħlu dan Gafà imma jista’ jispjega xi jrid ifisser bih dan l-indirizz ir-Repubblichino? Jiġifieri r-Repubblichini ħa jniżżlu l-pulizija fit-toroq? Kontra n-nies? Jew ħa jagħtuhom xi ftit x’jagħmlu għax ħa jorganizzaw xi protesta oħra? Favur l-abort? Mela r-Repubblichini kellhom x’jaqsmu mal-għażla ta’ Gafà?

Jew qed terġa’ tfakkarna kemm ġiet użata vjolenza meta ġew vandalizzati karozzi li wara kollox jinxtraw mit-taxxi tal-poplu? Imma l-aqwa li jgħajru lil-Laburisti vjolenti wara li jimmassakrawhom u jidfnuhom fil-Miżbla. Jiena m’għandix kulur u għalhekk nikkundanna kull aġir li ħoloq feriti dejjiema f’dan il-pajjiż li għadu jkaxkar weġgħat ħomor u blu tal-passat. Wasal iż-żmien li jitnaddfu l-istalel u jinħarġu żwiemel ġodda li jġorru biss il-bandiera bajda u ħamra.

Allura jekk tgħaddi din il-liġi favur l-abort ir-Repubblichini mhux ħa jinżlu fit-toroq? Ir-Repubblichino mhux ħa jwaħħal xi tużżana ritratti ta’ trabi li ġew abortiti mal-grada tal-Qorti ħalli jfakkar lill-istess Qorti li l-ogħla liġi li hi tħaddan qed tiġi mkissra u miksura bil-barka tar-Rulers of Law?
Għad tasal dik il-ġurnata li dawk kollha li jħaddnu l-ideoloġiji tal-woke u tal-liberali ikollhom jaraw kif ħa jagħmlu biex jippruvaw isalvaw ġieħhom minn fuq is-siġġu tal-poter (li mhux bilfors ikun fuq l-Għolja Xiberras) minħabba l-impunità lampanti tal-aġendi tagħhom wara li jiġu affaċċjati bi protesti kontinwi minn poplu li jinsa d-differenzi tiegħu ta’ kulur politiku, ta’ reliġjon u ta’ kull differenza oħra għax ikun xeba’ sal-ponta ta’ mnieħru u kulma jkun irid hu li jgħix f’armonija. għaqda, imħabba, abbundanza, ġustizzja u liberta’ ġo inkwatru morali u spiritwali!

Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa.

Il-poplu Malti ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox!

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram