X’qed jagħmel il-Kunsill ta’ Birkirkara biex itejjeb l-indafa tal-post u jiddixxiplina lil uħud mill-Karkariżi?

Irċevejt ħafna ilmenti mingħand ir-residenti ta’ Birkirkara minħabba n-nuqqas ta’ attivitajiet u t-telqa li hawn f’din il-lokalita’.

Ir-residenti mxebbgħin bil-ħmieġ li jkun hemm kuljum u li ġieli jakkumula fuq numru ta’ ġranet fiċ-ċentru ta’ Birkirkara jiġifieri l-madwar tal-knisja in-naħa tal-Każin tal-Bagri fejn hemm il-bini tal-kunsill stess dak li jissejjaħ iċ-Ċentru Ċiviku u fejn hemm il-klabb tal-boċċi. Minħabba li din hija żona mimlija ħwienet is-sidien spiss tarahom jikinsu kull filgħodu.

Ir-residenti mxebbgħin bl-ammont ta’ ħmieġ li jinkludi karti boroż kaxxi tal-kartun mormi fliexken tal-ħġieġ u fliexken tal-plastik flimkien ma’ bottijiet tal-landa mormijin fit-triq.

Uħud minn dawn il-fliexken ikunu ta’ nies li jkunu xtrawhom mingħand il-klabb tal-boċċi għax spiss dawn ikunu qrib dan l-istess klabb. Allura ngħid jien dan-nies ma jistgħux jagħtu l-flixkun lura lis-sid tal-klabb jew iżommuh sad-dar? Daqshekk diffiċli tkun ċivilizzat?

Ir-residenti mxebbgħin b’numru ta’ residenti li joħorġu jmexxu l-pets u ma jiġbrux il-ħmieg tal-pet tagħhom jew inkella jiġbruh imma mbagħad ta’ ċivilizzati li huma jħallu l-borża mal-art jekk mhux taħt xi ħajt ta’ ħanut.

Xi residenti li għandhom il-pets u li bid-dixxiplina jagħmlu dmirhom u jnaddfu wara l-pets tagħhom qed jiġu insultati iffastidjati u bbuljati minn residenti minħabba l-ħmieġ tal-pets li jħallu residenti slavaġ oħra warajhom. Residenta qaltli li darba sfat imsawta u spiċċat il-berġa tal-Mosta minħabba f’hekk meta hi dejjem tiġbor il-ħmieġ. Sa fejn jagħmel pipi l-kelb tagħha toħroġ taħsel u dan f’nofs it-triq mhux mal-bieb ta’ xi ħadd! Allura hekk sew? Il-problema mhix il-pets jew l-annimali. Għax hawn Malta malajr ninfexxu nisparaw lill-ħamiem jew nipprojbixxu lis-sidien tal-pets speċjalment klieb milli jmorru f’ħafna postijiet bil-klieb tagħhom. U f’dawk il-ftit li huma “dog friendly” malajr issib xi ħadd jibża’ mill-klieb u jgħidlek “żommu ‘il bogħod ħi”.

Il-problema hi dik li xi sidien mhumiex iċċivilizzati! U hawn min anki ssibu bla qalb u jivvalena lill-qtates ta’ barra! Bħallikieku dawn spiċċaw barra waħedhom! L-aqwa li rriduha tal-Ewropew! Xi wħud jobogħdu l-ħolqien t’Alla u joqtluh għax jaħsbu li għandhom xi jedd sagrosant li jkunu fid-dinja iktar minnu meta huwa aħna li qed nitfgħu l-annimali barra aħna li naħqruhom aħna li ngħammruhom bl-addoċċ aħna li nħammġu kull fejn immorru!

Ir-residenti mxebbgħin b’nuqqas ta’ dustbins li hemm. Saħansitra kien hemm dustbin viċin il-Miracle Foodstore fi Triq Tumas Fenech faċċata tal-istess kunsill li tneħħa u issa qed jitħalla ż-żibel jinġema’ hemm fosthom tazez tal-kartun tat-teˊ u tal-kafeˊ. Din it-triq hija wkoll triq fejn jarma l-monti u f’dawn il-ġranet in-numru ta’ tazez tal-kartun tat-teˊ u l-kafeˊ jiżdied flimkien maż-żibel. Għaliex ma tpoġġiex dustbin ieħor minflok?
Ir-residenti mxebbgħin bil-boroż taż-żibel li xi residenti joħorġu mhux fil-ġurnata tagħhom u dawn jispiċċaw jitħallew hemm għall-ġranet sħaħ sakemm imissu jinġabru. Ġieli jispiċċaw jitqattgħu mill-qtates ta’ barra bl-ikel jew ħmieġ ieħor jiġri fuq il-bankina.

Ir-residenti mxebbgħin bin-nuqqas ta’ “dog poo bins” li hemm u l-ftit li hemm tkun ħa tirremetti meta tgħolli l-għatu għax dawn ma jinħaslux.
Ir-residenti mxebbgħin bil-fatt li public bin kbir li hemm wara l-klabb tal-boċċi ma jiġix iċċekkjat darba fil-ġimgħa ħalli jitbattal jew le skont il-każ. Dan jitħalla b’ħafna żibel jinġema’ fih u mal-madwar mormi min-nies stess bir-riħa tfewwaħ kullimkien u xi ġrieden iduru.

Ir-residenti mxebbgħin bil-ħmieġ li hemm fuq il-bankina u l-ħamrija madwar il-bandli li l-Kunsill għoġbu jagħmel qalb il-blokk tal-fletts li suppost ma jiġborx għadd ta’ tfal iwerżqu u jħalli lin-nies jistrieħu. Kien ikun aħjar kieku l-kunsill għamel xi erba’ siġriet u xi żewġ bankijiet.

Ir-residenti ma jistgħux jifhmu wkoll kif il-madwar tal-patio ta’ blokka ta’ fletts tal-gvern partikolari hu mimli mbarazz mormi żibel u ħmieġ ieħor b’xi ġrieden ukoll! Vera li l-kunsill m’għandux jedd fuq ir-residenti ta’ din il-blokka imma din hi wkoll ħaġa ta’ sanita`!

L-istess ħaġa tgħodd għall-persuna oħra li toqgħod fi blokka oħra u li fil-patio tal-blokka trabbi sriedak tiġieġ u ammont ta’ għasafar. Dan mhux kontra l-liġi? Jiġifieri hekk kif inti tkun ħa tidħol f’din il-blokka mal-ġenb tiegħek tara biċċa ħamrija mdawra bil-ħadid mimlija gallinari. Minbarra l-ħmieġ li hemm. Mank tara biċċa nadifa b’xi erba’ pjanti sbieħ. U xi kultant jgħaddi xi ġurdien tal-imramma wkoll. U dan qalb in-nies. U kulħadd jibża’ jitkellem. Din mhix nuqqas ta’ sanita`?

Allura f’dan il-pajjiż kulħadd jagħmel li jrid?

Nifhem li jiġi anki min-nies li jkunu ta’ dixxiplina. Pero’ milli qaluli r-residenti Birkirkara qed issir aktar maħmuġa aktar ma jgħaddi ż-żmien meta tqabbilha ma’ postijiet oħra fil-qrib bħan-Naxxar u l-Mosta li wkoll huma rħula dejjem miżgħuda bin-nies.

Jistgħu s-sindka Joanne Debono Grech u l-viċi-sindku Karl Cutajar flimkien mal-kunsilliera l-oħra jgħidu lill-qarrejja u lill-Karkariżi mxebbgħin x’qed isir u x’ħa jsir?

Wasal iż-żmien li l-Kunsill ta’ Birkirkara minbarra li jħabbrek jara kif ħa jagħmel biex jiddixxiplina lil dawn il-ftit residenti li ma jġibux ruħhom b’mod ċiviku.

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram