Għaliex xi salarji tal-aġenziji tal-Gvern huma kbar immens u mbagħad il-poplu ilu b’pagi staġnati u mwaħħlin b’kolla li b’xejn ma taqlagħhom?

Ħa nieħu spunt minn dak li kiteb Prof Simon Mercieca fil-blog imsemmi “Wasal żmien biex ċertu salarji tal-aġenziji tal-Gvern jkollhom capping: jekk il-gvern irid jissikka ċ-cintorin għandu jibda minnhom.”

Għax f’kull gvern Malti huwa importanti li l-politiċi jmorru fuq it-televiżjoni jiftaħru li qegħdin hemm għall-poplu li spiss jinfexx iċapċpilhom u jgħidilhom grazzi ta’ kulma jagħmlu miegħu. U hawn qed nirreferi sew għal min jara blu u kemm għal min jara aħmar. Pero’ huwa fatt li dejjem il-ħbieb tal-ħbieb li jgawdu l-iktar u jekk għandek xi troxx jew inti pinnur għid li xi ħaġa ħa tmissek ukoll.

Jekk inti ħaddiem ċittadin bieżel li taqlagħha u tikolha għid li mhu ħa jmissek xejn ħlief forsi xi żieda miżera fil-budget li tagħmi u timla b’kuraġġ sakemm tmur tixtri u ssib li l-affarijiet reġgħu gholew affarijiet li ma kinux ġew imħabbra fl-ebda budget!

U ara ma jiġix xi ħadd jikkummenta li d-dawl jiġih irħis u li l-gvern ta’ Muscat għamel ħafna ġid. Jiena dal-ġid qatt ma ħassejtu. L-istess ħajja li kont ngħix qabel bqajt ngħix. Bl-istess loan. Bl-istess sagrifiċċji. Bl-istess budgeting. U jiena waħda li stinkajt u studjajt u bil-għaqal ħafna.

Għax fil-budget dejjem jissemmew għajnuniet għall-familji Maltin u Għawdxin. Min hu ġuvni jew xebba bħali ma jeżistix! Jgħidulek “għax inti ma jkollokx spejjeż daqs ta’ familja”. Iva u le għax kull zokk li jinqala’ u kull pagament trid iġġorru inti u kollox irid joħroġ minn paga waħda. Wara kollox wasalt fejn wasalt illum bl-għaqal u b’ħilti. Kapriċċi m’għandix ħlief li mmur ġirja kuljum u nagħmel ftit eżerċizzju d-dar b’xi aċċessorji li kont xtrajt. Qabel kont atleta prominenti. Imma llum ma naffordjax iktar l-ispejjeż li ġġib magħha d-dedikazzjoni sportiva. Għandi żewgt iklieb li nieħu ħsieb u nara li ma jonqoshom xejn b’ ħafna sagrifiċċji min-naħa tiegħi. Huma ħolqien ukoll.

Konna ġejna mwiegħda li l-isptar San Frangisk ħa jkun bi ftit flus għal min ma jaffordjax iħallas spejjeż veterinarji jew li jieħu xi annimal abbandunat għall-kura. Kulħadd jaf x’ġara minn dil-wiegħda! U llum morru tkellmu ma’ santwarji li jgħidulek li huma mimlijin sa ruħ ommhom u li ħafna qed jirritornaw il-pets għax ma jaffordjawx iktar l-ispejjeż. Imma l-annimali m’għandhomx vot…

U kif qiegħda hawn nixtieq insaqsi lill-gvern għaliex jiena rrid bilfors inħallas il-kera tal-ismart meter ma’ kull kont għall-għomri meta dan ġie mogħti lili [u lill-poplu] bla kunsens u firem!

Imma l-aqwa li mmorru nċapċpu. Nara l-anzjani tagħna jifirħu għax ingħataw żieda u ġo qalbi nitħassarhom u naħseb: mela taħdem u tistinka u tbati għomrok kollu tħallas eluf f’taxxa u f’bolla u mbagħad tingħata pensjoni miżera li ġġebbed kemm iġġebbed fiha bilkemm twasslek sal-bieb ta’ barra aħseb u ara [jekk dejjem il-Mulej iselfek aktar snin wara l-65]. Imma għalihom il-gvern ħaseb fihom u qed jagħmel il-ġid!

Minix qed ngħid li l-gvernijiet ma jagħmlux ġid. Alla ħares le. Imma trid tixtarr u tiżen kollox.

Spiss ġejt mgħajra li jiena nattakka l-gvern dwar il-pandemija tal-Covid-19 għax jiena Nazzjonalista. Meta mhuwiex il-każ. Jiena ġejja minn familja Laburista li l-gvern ma kellux skrupli biex jużaha u jeħodha fuq it-televixin ħalli tkun ta’ konfront għalija. Qas jistħi jidħol bejn il-familji wkoll għall-fini tiegħu! U missieri wara qalli li ġie mġiegħel jgħid xi affarijiet – mexxewh minn imnieħru. Għax għall-missieri il-gvern huwa salvatur. Għalija Kristu biss huwa s-Salvatur. Nini nini li nitmexxa minn imnieħri.

Imma ma nagħtix każ. Il-verita` dejjem issaltan u jiena naf b’konvinzjoni li qiegħda man-naħa tal-verita`.

Għall-grazzja t’Alla jiena kbirt nisma,’ nara u nixtarr. Minn dejjem kont inħaddem il-ħila tal-ħsieb. U lanqas li kieku kont Laburista għandi dritt nikkritika lil dan il-gvern. Din il-mentalita` ta’ “ejjew naduraw lill-partit tagħna” trid tinqata’. Bil-kritika mmexxu pajjiż ‘l quddiem.

Nazzjonalista minix lanqas. U minix beħsiebni nħaddan l-ebda twemmin politiku.

Xi ngħidu għall-pagi tal-maġġoranza tal-ħaddiema Maltin? Għaliex xi salarji tal-aġenziji tal-Gvern huma kbar immens u mbagħad il-poplu ilu b’pagi staġnati u mwaħħlin b’kolla li b’xejn ma taqlagħhom? Morru agħtu titwila lis-sit tal-Jobsplus u lis-sit tal-gvern u taraw il-pagi offruta.

U dan jgħodd ukoll għal nies li stinkaw u studjaw sakemm ma tkunx xi professjoni li timbuttak li tiċċarġja lin-nies kemm trid talli poġġew quddiemek għall-kwarta. Ara fuq hawn il-gvern ma jidħolx jikkontrolla. Imma mbagħad jikkontrolla l-pagi tal-poplu fejn il-qligħ jidher.

B’hekk jiena nitkellem fuq l-“equity”. Tgħiduli allura skontok kulħadd għandu jaqla’ l-istess paga? Le żgur li le. Imma lanqas hu tajjeb li jkollok il-maġġoranza tan-nies li għadhom b’pagi li ma jirriflettux l-għoli tal-ħajja. Il-ħajja ilha tiżdied mid-disgħinijiet u l-pagi baqgħu l-istess ħlief dawk tal-ħbieb tal-ħbieb. U issa bl-inflazjoni li ilni nwissi lill-poplu dwarha mill-2020 ħafna ħa jiftaqru.

Kemm ġejt mgħajra u mżebilħa! Ma jimpurtax. Ġie mgħajjar u mżeblaħ Kristu ma niġix jien! Wara kollox min jgħajjar u jżeblaħ huwa hu li qed jaqa’ fil-baxx. I rise above that! Forsi n-nies xi darba jifhmu li jiena qiegħda hawn naqbeż għalihom speċjalment għaż-żgħir u nagħtihom informazzjoni veritiera billi ngħinhom ukoll iħaddmu l-ħila tal-ħsieb.

Jiena rrid nara ġid imqassam bejn kulħadd l-istess mhux spalpalpjar bl-addoċċ! U li l-onesta’ u l-bżulija tigi ppremjata.

Sew li min hu mejjet għall-qatra u min hu mejjet fis-sakra?

Kemm jidħlu nies mingħajr il-kwalifiki meħtieġa u bla ebda interview fid-dipartimenti tal-gvern skont il-proċedura?

U xi ngħidu għat-taxxa! Mela kull min jaqlagħha u jikolha u għandu l-paga tidher jinqatagħlu sal-inqas one cent u allaħares ma jħallashiex għax jiġi kkastigat jew saħansitra arrestat u mbagħad nisimgħu bil-politiċi u businessmen sinjuri li għandhom somom kbar x’jagħtu lid-dipartiment tat-taxxa!
Iż-żgħir iħallas taxxa b’perċentaġġ li għalija ma jagħmilx sens meta mqabbel ma’ min għandu l-belli liri għax dan xorta jibqa’ jfur bil-belli liri. Dik l-“equity” kollha! U għalhekk iż-żgħir jibqa’ jiekol mill-frak li jwaqqa’ s-sinjur.

Li kieku mit-taxxi li nħallsu niġu ppremjati b’pajjiż nadif b’ħafna spazji miftuħa u naturali [mhux minn dawk li jagħmina bihom il-gvern wara li jaqla’ kull siġra li jsib] u l-flus tal-poplu jiġu wżati b’mod għaqli mhux biex noqogħdu naqtgħu ż-żigarelli għal xi monumenti li jiswew eluf kieku għallinqas tħoss li mintix qed tiġi misruqa.

Ma jagħtix il-każ li l-gvern peress li qrajna li fil-budget li jmiss mhux se jżid taxxi qed jippretendi li nċapċaplu hux? Mela nħallsu taxxa fuq l-ikel, VAT, taxxa fuq meta tixtri propjeta,` taxxa fuq meta tikri, taxxa fuq meta tbigħ, taxxa fuq servizzi, dazju tas-sisa, dazju fuq l-importazzjoni, taxxa mill-paga li nbatu għaliha, taxxi ‘l hemm u taxxi ‘l hawn u trid iżżid it-taxxi wkoll? Fil-każ intaxxa lil dawk li qed tagħtihom pagi fenomenali!

Għalhekk nixtieq insaqsi lill-gvern meta ħa jara li l-pagi tal-ħaddiema jiżdiedu u jiżdiedu sew għax la għandu biex jagħti salarji fenomenali lill-ħbieb tal-ħbieb tiegħu għandu wkoll minn fejn iżid is-salarji tal-poplu!

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram