Christian Pace, id-“Dog Behaviourist” tal-MSPCA jispjega tajjeb ħafna l-imġiba tal-klieb u jagħti soluzzjonijiet u pariri biex nimxu ‘l quddiem fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi RTK103

Christian Pace huwa d-“dog behaviourist” tal-MSPCA. Fuq il-programm ta’ Andrew Azzopardi fuq RTK103, huwa ta spjegazzjoni tajba ħafna u edukattiva dwar imġiba differenti ta’ klieb ta’ razez differenti kif ukoll ta xi suġġerimenti ta’ soluzzjonijiet biex dan il-pajjiż jimxi ‘l quddiem f’dan il-qasam. Min-naħa tiegħi nixtieq inżid li bl-ebda mod ma rrid nitfa’ dell ikrah fuq ċerti bully breeds. L-għan tiegħi huwa li jkun hawn biżżejjed għarfien, edukazzjoni, liġijiet u regolamenti li jipproteġu lill-klieb kollha, kemm jekk huma ta’ xi tip ta’ razza u sew jekk le, kif ukoll lis-sidien tal-klieb u lill-komunita’ Maltija b’mod ġenerali.

Andrew Azzopardi: “Mela d-diskussjoni tagħna tkompli. Miegħi għandi lil Christian Pace minn organizzazzjoni importanti ħafna, l-MSPCA. Qabel kienet l-SPCA, in-nies għadhom jgħidulkom hekk.

Christian Pace: “Iva. Jew id-Dogs’ Home.”

Andrew Azzopardi: “Jew id-Dogs’ Home. Mela, ħa nibda minn ħaġa Chris. Jiġifieri, intom, tagħmlu ħafna xogħol. Ftit ilu kelli l-kummissarju tal-Animal Welfare u inkwetakom xi affarijiet li qalet.”

Christian Pace: “Iva, għax naraw ħafna misinformazzjoni xi kultant u anki lobbying ġej minn min forsi mhux daqshekk infurmat u dak it-tip ta’ lobbying jista’ jagħmel ammont ta’ ħsara.”

Andrew Azzopardi: “Bħal xiex? X’qalet ħażin?”

Christian Pace: “Pereżempju..”

Andrew Azzopardi: “Għax Alison vera tipprova tagħmel ..”

Christian Pace: “Yes, yes.”

Andrew Azzopardi: “U vera taħdem.”

Christian Pace: “U ma naħsbux li aħna b’xi intenzjoni ħażina, pero’ pereżempju, ejja nitkellmu fuq il-bully breeds. Issa l-bully breeds hawn sfortunatament kunċett li jkun maqsum ħafna drabi li meta tara individwu u hu purament riżultat tal-upbringing tiegħu u t-taħriġ li jkun ingħata. Mentri dan hemm fattur kbir li jikkontribwixxi għall-imġiba tiegħu f’dawk l-affarijiet pero’ ma ninsewx li l-ġenetika qiegħda hemm. Issa ma ninsewx li l-ġenetika hija riżultat, jekk immorru lura għal xiex kienu breedjati qabel dawn il-klieb, jekk qed ngħidu għal dawk li kienu breedjati għall-ġlied, u s-selezzjoni mhux għax għandi kelb tajjeb u int għandek kelb tajjeb, u nġibuhom flimkien. Is-selezzjoni kienet issir fil-ġlieda. Għax awtomatikament il-kelb li kien jitlef, kien imut. Allura inti mill-breed neħħejt l-affarijiet li huma kkunsidrati dgħajfa u preżervajt biss dik il-ħeġġa għall-ħajja u li niġġieled għal ħajti għax inkella mhux ħa ngħix. Jiġifieri noqogħdu attenti meta nagħtu l-impressjoni lin-nies li dawn il-klieb huma għal kulħadd – mhumiex għal kulħadd. U rridu nifhmu wkoll li l-breeder għandu r-responsabbilta’ li jissoċjalizzahom; li jagħmlilhom ċertu ammont ta’ stress immunization għax anki l-ammont ta’ dopamina li għandhom f’moħħhom dawn, tagħmilhom aktar prone għal ċertu frustrazzjoni li tista’ ssir rabja.”

Andrew Azzopardi: “Imma fejn mintomx qed taqblu ma’ Alison?”

Christian Pace: “Mhux qegħdin naqblu mas-soluzzjoni fejn qiegħda. Aħna ma naqblux li moratorjum ħa jagħmel xi differenza. Aħna l-SPCA ilha mija u għoxrin sena topera hawn Malta. Il-passat rajnieh. Konna mimlijin bil-pitbulls qabel ma kien hawn santwarji oħra jew l-Animal Welfare. Rajniehom dawn il-problemi jiżdiedu mhux bil-pitbulls biss, issa li reġgħet ġiet lura – konna narawhom bil-pugs, konna narawhom bil-huskies, bid-doberman, bir-rottweilers. Iva allura ħa nippromwovu soluzzjoni li dejjem tkun short-sighted? Għalfejn ma nipproponux soluzzjonijet?”

Andrew Azzopardi: “Pereżempju?”

Christan Pace: “Pereżempju aħna, il-proposti tagħna biex inkunu nistgħu ntaffu dil-problema milli tiġri anki lill-breeds oħra hija:

(1) L-ewwel nett ejja naraw li jkun hemm ċertu ammont ta’ edukazzjoni li wieħed irid ikollu qabel jibreedja jew iġib kelb. Il-liċenzja mgħandhiex tkun sempliċiment nagħmlu ċippa. Sewwa?

(2) Ejja naraw li l-breeding kollu jkun regolat taħt liċenzja u mhux li trid tkun qed tgħammar 4 jew iktar drabi fis-sena biex inti l-liġi tirrikonoxxik bħala breeder li suppost ikun regulated.

(3) Ejja naraw li issa li llum il-ġurnata għandna t-teknoloġiji available, nużawhom! Għalfejn ma nagħmlux bħal Greċja li s-sena li għaddiet bdewha din, li inti tagħmel DNA profiling ta’ kull annimal li mhux imsewwi. Għalfejn? Ħalli jekk inti sibt ġeru abbandunat, you can trace it back to the parent. Dik xi ħaġa li llum il-ġurnata nistgħu nagħmluha. Forsi għaxar snin ilu ma kinitx daqshekk faċli.”

Andrew Azzopardi: “U x’se nsolvu b’daqshekk?”

Christian Pace: “Insolvu l-problema li dawn il-ġriewi li ma nafux minn fejn ġejjin, inkunu nafu minn fejn ġejjin, speċjalment jekk il-liġi tibda tgħidlek li issa, anki biex tagħmel litter wieħed, trid tkun reġistrat bħala breeder. Dik xi ħaġa li pereżempju fl-Awstralja solviet ħafna problemi ukoll – dik is-sistema.”

Andrew Azzopardi: “Jiġifieri jekk jiena għandi kelb jew kelba u jiena għammartha, jiena rrid nirreġistra ruħi bħala breeder.”

Christian Pace: “Eżatt. Anki jekk mhix imsewwija, mela jew tagħmel id-DNA profile, ħalli inti jekk qed tibreedja, ħa tinqabad xorta. Jew inkella tirreġistra bħala breeder, u tirreġistra kull litter, għax inkella għandna ħafna, għandna dik il-grey area u l-maġġoranza tal-annimali abbandunati mhumiex ġejjin minn breeders reġistrati li jibbridjaw 4 litters fis-sena għax biex issib breeder li jibreedjalek 4 litters fis-sena, hekk trid tagħmel [jagħmel mossa fuq moħħu biex juri li mhix faċli]. Il-maġġoranza tal-annimali abbandunati jiġu minn dawk li jibreedjawlek għax għandhom kelb, u inti għandek kelba, ejja nlaqqgħuhom!

Andrew Azzopardi: “Fil-prattika, jiġifieri b’mod konkret, x’inhi l-problema li għandna? Jiġifieri hija problema ta’ santwarji mifqugħin bil-klieb? Hija problema li qed isibu diffiċli ħafna l-homing, pereżempju tal-bully breeds? Għax inti min-naħa qed tgħid noqogħdu attenti għax il-bully breeds għandhom id-diffikultajiet tagħhom, u diffikultajiet b’mod naturali, mhux għax inti tajthielhom din, mhux għax inti trattajthom ħażin, imma b’mod naturali, ċerta tendenzi qegħdin hemm.”

Christian Pace: “Eżatt.”

Andrew Azzopardi: “Mela issa dik ħa tagħmilha problema ikbar biex intom tagħtuhom għall-homing? Qed napprezza li qed tkunu sinċieri, jiġifieri vera qed napprezza, imma dik se tfisser illi dawn il-klieb se tkun aktar diffiċli..”

Christian Pace: “U żgur, speċjalment mill-perspettiva tiegħi bħala behaviourist tal-klieb, il-fatt li jiena m’għandix l-istorja kompluta tagħhom meta jiġu għandna adulti diġa’, diġa’ nkun qiegħed bilfors b’dir-responsabbilta’, inċekken il-kaxxa tal-owners addattati ta’ nies lil min nista’ ntihom dawn. Pereżempju jekk jiena ma nafx il-passat, ħa noqgħod lura milli nagħtihom lil xi ħadd li għandu t-tfal għax jiena, waħda milli semmiet Alison ukoll u li għandha raġun fuqha hi li l-predatory behaviour tagħhom huwa qawwi, sewwa? Għandhom predatory instinct, il-peri-sequence once li tibda f’dawk it-tip ta’ breeds, trid tispiċċa. Ma tistax tieqaf fin-nofs. Jiġifieri inti għandek il-predatory sequence hija ‘orient [sibt xi ħaġa], stalk, chase, grab, bite, kill.’ Orrajt? Dik is-sekwenza f’Border Collie, ġeneralment suppost tasal sa ‘stalk’ għax il-Border Collie suppost xogħlu hu jagħmel dik l-istalk u n-ngħaġ jaħrab. Dak huwa l-herding.”

Andrew Azzopardi: “Għidli razza oħra, pereżempju l-Alsation.”

Christian Pace: “L-Alsation tagħhom daqsxejn imħawwad għax huma dak li ngħidulu livestock guarding dog jiġifieri suppost ikollhom elementi mill-predatory sequence pero’ jkunu interrupted, allura inti jagħmillek biċċa, u ma tkomplix. U mbagħad kapaċi jagħmillek biċċa oħra f’ċerta sitwazzjoni pero’ mhux neċessarjament trid tkun għamel il-biċċa l-oħra qabel jew jagħmilha wara. Sewwa? Il-labrador, l-iktar wieħed komuni, għandhom waħda mill-isbaħ affarijiet fejn inti għandek in-naqra ‘orient’, ġeneralment m’għandux ‘chase’. Għalfejn? Għax xogħlu labrador meta jmur għal kaċċa, xogħlu huwa li jibqa’ mal-kaċċatur. Il-pass naturali tiegħu fil-fatt ilaħħaq ma’ tal-bniedem. U mbagħad ikollu l-affarijiet l-oħra pratikament deleted, u jkollu l-‘grab bite’, mingħajr il-‘kill bite’, sewwa? Għala? Għax xogħlu l-labrador huwa li jmur għall-għasfur u jġibulek lura mingħajr ma jgħaffġu – suppost, teoretikament, jekk għadna nisselektjaw għalihom dawn l-affarijiet għax jiġuni d-dubji kultant.”

Andrew Azzopardi: “Issa, il-bully breeds…is-sekwenza, erġa’ għidhieli, x’inhi?”

Christian Pace: “Orient, Eye, Stalk, Grab, Bite, Kill. Sewwa? Fil-pitbull din hija uninterrupted, once li tibda, trid tispiċċa. U jekk għażel lilek, kapaċi anki jipprova jwaqqfu xi ħaddieħor, mhux se jagħti każu għax lilek irid. He decided you are prey. It takes a long time for them to calm down after that. Mhux ħa tikkonvinċieh ċum bum li issa m’għadekx ikel. Jiena darba ġratli u thank God sibt ħajt u qbiżtu li kien għoli biżżejjed li mbagħad il-pitbull qata’ qalbu. And it’s scary.”

Andrew Azzopardi: “Jien l-unika hope f’dak il-każ huwa li ngħaddi minn ġol-ħajt. Il-bqija mhux se nitla’ mal-ħajt, sakemm mhux żewġ filati.”

Christian Pace: “U mhux lakemm itik ċans, il-body language, biex tagħraf. Inti waħda mill-affarijiet li jtik il-kelb bħala sinjal li ħa jmur fi predatory sequence hi li jgħollilek denbu dritt hekk. Fil-każ ta’ pitbull split second għandek ċans, qabel ma jibda jiġri warajk. Jekk għażel li inti ikel, qed ngħidu.

Issa, soluzzjonijiet?

In-neutering. In-neutering hu importanti u naqblu ħafna mal-gvern hemmhekk bl-inizjattiva li ħadu dwar in-neutering tal-pitbulls. Irridu noqogħdu attenti pero’ li l-istrateġija tan-neutering tkun iddiżinjata ħalli ma nkunux qed inkunu naħlu tliet mitt elf, u ma nkunux wasalna fejn hemm bżonn naslu. Iktar milli fil-klieb, għax thank God, il-1.5 miljun li nefqu d-Dogs’ Trust hawn Malta, għadna qed naraw ir-riżultati tagħhom. Pero’ fil-qtates, l-overpopulation tal-istray cats, jekk mhux ħa noqogħdu attenti, in-neutering campaign, jekk mhux ħa naħdmu biex inneħħu l-bottlenecks minnha, biex inneħħu l-problemi fin-nuqqas ta’ standard fil-husbandry, fir-recovery li potenzjalment qed jesponi lil ħafna qtates għall-mard li mhemmx għalfejn, allura qed jinfirex ma’ Malta, sewwa? Pero’ l-bottlenecks, l-appuntamenti u l-affarijiet bħal dawn. Għax jekk inti għandek, ħa nġib eżempju l-kunsill lokali tal-Mosta bħalissa qed jagħmel in-neutering campaign bellezza. L-Animal Welfare Steward tagħhom Sara, she is very good at taking this advice. Pero’ mbagħad issib postijiet oħra li ma jeħduhx dal-parir allura jekk inti għandek il-progress li qed ikollok f’post wieħed, malli jieqaf, għax l-oħrajn ma jagħmlux xogħolhom sew, ħa jiġi kkanċellat, għax il-qtates aħna qegħdin ngħidu, dawn qtates minn ħames nisa, ġew il-qtates kollha li qatt rajt fid-dinja. Jiġifieri jekk m’aħniex ħa naħsbuha sew, ħa nkunu qegħdin naħlu l-flus.”

Andrew Azzopardi: “Bejnietkom l-assoċjazzjonijiet, l-NGOs, is-santwarji, il-kummissarju, id-direttorat, titkellmu? Tpoġġu madwar mejda?”

Christian Pace: “Aħna nippruvaw. Pero’ sfortunatament qed narawha ta’ spiss din li qabel ma joħorġu ċerti miżuri lanqas biss ikun hemm konsultazzjoni mal-NGOs li aħna at the end of the day għandna l-kuntatt u nafu x’inhu jiġri u aħna qed naraw. Aħna, l-SPCA huwa l-iktar li għandu esperjenza hawn Malta fuqu dan l-irwol. Aħna biss konna dak iż-żmien.”

Andrew Azzopardi: “Intom mimlijin up to your necks?”

Christian Pace: “Up to your necks hija diffiċli biex inti tagħmel definition tagħha għax inti kemm għandek volontiera biex jieħdu ħsieb l-annimali hija waħda mill-affarijiet li aħna nżommu iktar attenti fuqha milli l-ispazju għax inti jista’ jkollok spazju għal mitt kelb imma jekk għandek persuna waħda, mhux ħa jkollok il-bżonnijiet kollha ghal dawk il-klieb. Issa aħna nżommu ammont żgħir t’annimali compared ma’ ħaddieħor, għax rajna l-istudji u t-trends min-network internazzjonali ta’ NGOs li aħna naħdmu magħhom, li meta żżomm iktar klieb, iddum iktar biex issibilhom home u ssib inqas homes fis-sena. Meta aħna naqqasna l-popolazzjoni tal-MSPCA, ikollna turn over ikbar. Plus li jiena meta bdejt fit-2015 kellna klieb li kienu ilhom għaxar snin hemmhekk. Dawn kollha sibnilhom home u llum il-ġurnata ma jagħmillekx iktar minn sena kelb hemmhekk.”

Andrew Azzopardi: “Jiena vera nħeġġeġ lin-nies, u jiena naf għax it-tifla tiegħi tiġi, tagħmel ċertu affarijiet tramite l-inizjattiva ta’ Waggo’s u baqgħet impressjonata bix-xogħol li tagħmlu u qed jippruvaw jgħinu fl-adoptions u dan kollu u vera xogħol eċċezzjonali. Jiena nirringrazzjak.”

Christian Pace: “Grazzi ħafna tal-istedina.”

Tista’ tara u ssegwi hawn.

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram