MUT għadha kif ippubblikat press release biex tikkomunika l-pożizzjoni tagħha f’din il-fażi diffiċli tan-negozjati tal-ftehim settorali ġdid

L-MUT għadha kif ippubblikat press release lill-membri tagħha li tgħid:

20 ta’ Mejju 2024

Għeżież membri fl-iskejjel tal-Istat u fl-iskejjel tal-Knisja,

Qegħdin nikkomunikaw magħkom għaliex jeħtieġ li l-pożizzjoni tal-MUT tkun ċara hekk kif ninsabu fl-aktar fażi diffiċli tan-negozjati tal-ftehim settorali ġdid.

Illum l-20 ta’ Mejju kellha tkun il-ġurnata li fiha konna ser nippreżentaw il-ftehim lilkom. Din id-data kienet skedata minn ħafna ġimgħat ilu u kienet ikkomunikata lill-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex iż-żewġ  partijiet inkunu nistgħu nħejju għaliha. Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mill-Ministeru sabiex nagħlqu l-ftehim f’dan it-terminu ta’ żmien. Kien hemm ukoll booking ta’ sala mill-MUT sabiex dan iseħħ . Kif qed taraw il-pjanijiet tagħna li nippreżentaw il-ftehim lilkom illum sfumaw fix-xejn u minflok ma għandna ftehim lest biex jiġi ppreżentat, għandna tilwima industrijali.

Wasalna hawn għaliex filwaqt li n-negozjati tat-test huma avvanzati, in-negozjati tal-pakkett finanzjarju ma ġewx konklużi. Tali negozjati kienu u għadhom għat-telgħa iżda konna qed naraw possibiltajiet ta’ konklużjoni. Dan sakemm sibna ħajt ta’ diversi sulari quddiemna mtella’ fl-aħħar jiem. Dan seħħ permezz ta’ dokument imsejjaħ mill-gvern “comprehensive document”, li ġie ppreżentat fl-10 ta’ Mejju. Id-dokument mill-ewwel ma ġiex aċċettat mill-MUT, għax kien rigressjoni ta’ dak li konna qed ninnegozjaw u kien se jistaġna n-negozjati. Ma għandniex għalfejn nagħmlu l-elenku ta’ dak li kien meqjus bħala inaċċettabli mill-MUT f’dan id-dokument, għaliex matul tmiem il-ġimgħa dawn il-punti ssemmew ta’ spiss. Tistgħu ssibu dawn il-punti fl-istqarrija li ħriġna nhar is-Sibt, 18 ta’ Mejju 2024. L-MUT setgħet iddikjarat tilwima industrijali mal-gvern dak il-ħin li ntweriet id-dokument, jiġifieri fl-10 ta’ Mejju.

Dan ma għamilniehx għaliex emminna fid-djalogu li jista’ jwassal sabiex l-oġġezzjonijiet fid-dokument jiġu indirizzati u l-ftehim jiġi konkluż kif ippjanat. Ħdimna sabiex saru laqgħat ulterjuri u dan wassal għal żewg laqgħat matul il-ġimgħa li għaddiet, li tmexxew mill-Ministru tal-Edukazzjoni fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti u l-IRU. Filwaqt li numru ta’ punti ġew indirizzati b’mod verbali, oħrajn li kienu oġġezzjonabbli għall-MUT baqgħu fis-seħħ u ma kien hemm l-ebda żblokk dwarhom. Il-kunsill tal-MUT iltaqa’ l-Ħamis 16 ta’ Mejju sabiex jiddiskuti s-sitwazzjoni. Il-kunsill seta’ ddikjara tilwima u beda bl-azzjonijiet industrijali mil-lum. Minflok, ġie deċiż li l-gvern jingħata ultimatum ta’ ġimgħa sabiex tinstab soluzzjoni. Dan sar b’responsabbiltà u sabiex in-negozjati jkunu jistgħu jkomplu. Issa għandna ġimgħa quddiemna li tista’ tiżblokka s-sitwazzjoni lejn ftehim ġdid.

Sa meta qed tintbagħat din il-komunikazzjoni għandna laqgħa waħda biss skedata mal-gvern. Tlabna sabiex ikun hemm aktar laqgħat matul din il-ġimgħa, iżda għad ma għandniex risposta. F’laqgħa waħda żgur li mhux ser insolvu s-sitwazzjoni. Nixtiequ nagħmlu referenza għat-talba minn xi wħud li jkun ippubblikat il-ftehim. L-ewwel nett biex ikun hemm ftehim irid ikun hemm qbil bejn l-MUT u l-gvern. Ma hemmx qbil, u għalhekk ma jeżisti l-ebda ftehim. Hemm proposti mill-gvern li sa issa għadhom mhux sodisfaċenti għall-MUT.

Issa għandna t-theddida li l-gvern jippubblika l-proposti tal-ftehim. Kif dan iseħħ ikun ifisser li l-gvern ser jiddeċiedi waħdu dwar x’għandu jkun il-ftehim għalina lkoll, għaliex kieku aħna qbilna kieku għandna ftehim x’nippreżentaw. Nassigurawkom li l-ftehim fl-istadju li hu għad fih ħafna nuqqasijiet, propju r-raġuni għala għadu ma ġiex konkluż. Il-gvern għadu kemm stqarr li dan l-aħħar iffirma 66 ftehim li jaffettwaw 14,000 impjegat. Il-ftehim tagħna jaffettwa aktar minn 12,000 impjegat. Dan hu kważi d-daqs tas-66 ftehim li diġà ffirma. Xi ħadd minna ra dawn is-66 ftehim meta kienu qed jiġu negozjati? Xi ħadd minna ra dawn il-ftehimiet meta ġew iffirmati jew wara? Staqsu lil sħabna l-gradi tekniċi fl-iskejjel, li saru jafu li għandhom ftehim ġdid il-ġimgħa li għaddiet u li sal-lum ma jafux x’fih. Mhux biss in-negozjati saru minn wara daharhom, iżda l-ftehim hu sigriet. Smajna f’dawn is-66 ftehim xi stqarrija minn xi ministru jgħidilna kemm kien se jieħu xi impjegat? La smajna hekk meta s-66 ftehim kienu qed jiġu negozjati u lanqas wara.

Iżda aħna differenti, u l-pakkett finanzjarju tagħna jiġi użat sabiex tinħoloq mibegħda kontrina, kif seħħ il-ġimgħa. Kulma nixtiequ aħna lkoll hu li jkollna ftehim li jirrikonoxxi l-ħidma tagħna. Hija irresponsabbiltà kbira li biex ikollna dak li jistħoqqilna jsir attentat sabiex tiġi diskreditata l-MUT u l-edukaturi jigu mpinġija mal-pubbliku bħala ħaddiema li jridu jiġbdu lejhom. Dan mhux ser naċċettawh u kien għalhekk li matul tmiem il-ġimgħa ppubblikajna l-evidenza kollha li turi li dak li għedna kien kollu minnu. Nifhmu li ż-żmien hu partikolari, bl-elezzjonijiet fi ftit ġimgħat, izda aħna qatt ma ridna naslu sal-lum mingħajr ftehim. Kienet id-deċiżjoni tal-gvern li wasslet għal rigressjoni fin-negozjati. Filwaqt li nirringrazzjawkom tal-appoġġ kontinwu, qed inkomplu bil-ħidma tagħna.

Grazzi Marco, Elaine, Chris”

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram