Darba waħda kien hemm il-lingwa Maltija – u kien hemm Mark Laurence Zammit

Il-ġurnalist Mark Laurence Zammit kellu xi ħaġa xi jgħid dwar il-lingwa Maltija.

“Jien m’għandix problema li l-Malti jispiċċa. U jien gradwat fil-Malti. M’għandix problema. L-affarijiet li jibdew, jispiċċaw. Ma nistgħux inżommu kollox. Dan tibda xi ħaġa u tispiċċaha. Kull bidu fih it-tmiem, jgħidha l-Malti stess. U jista’ jkun li l-Malti stess ikollu t-tmiem. Il-passju, per eżempju, ħa jispiċċa probabilment. Mhux logħba sabiħa? Allura ħa noqogħdu nżommu kollox? Xi affarijiet jispiċċaw. M’għandix problema. Il-problema li għandi bil-Malti u l-Ingliż hija l-atitudni li għandna lejn il-Malti. Aħna nħarsu lejn il-lingwa bħallikieku kienet xi ħaġa li biha tiftiehem. Aħna naħsbu li n-nies jitkellmu biex jiftehmu. U allura ngħidu ‘Isma’, b’liema lingwa ħa niftehmu l-aktar? Bl-Ingliż. Għax bl-Ingliż tiftiehem mal-aktar firxa wiesgħa ta’ nies possibli. Mela allura nitkellmu bl-Ingliż’. What we fail to understand u din min jaħdem fil-midja jifimha ħafna, illi n-nies ma jitkellmux biex jiftehmu imma jitkellmu biex jaqsmu l-emozzjonijiet. U s’issa f’Malta rnexxielna naqsmu l-emozzjonijiet bl-aktar mod ‘raw’, profond bil-lingwa, bil-‘mother tongue’ tagħna. Għalhekk ħafna nies ‘tal-pepe’ biex insejħulhom hekk jitkellmu kważi totalment bl-Ingliż, jidgħu bil-Malti xorta. ‘Because when it comes to the real raw emotions’ ta’  ġo fina, ‘we’re back to our mothers’ laps’ speċi. Għalhekk ngħidulu l-‘mother tongue’. Jiġifieri jiena nħobb inġib dan l-eżempju. L-intervista li baqgħu jsemmuhieli ħafna – ma’ Joseph Portelli. Stajna għamilniha bl-Ingliż. Stajna tkellimna bl-Ingliż. Jien naf nitkellem bl-Ingliż. Joseph Portelli jaf jitkellem bl-Ingliż. Konna niftehmu. Anzi konna niftehmu ma’ ħafna iktar nies. Imma għamilniha bil-Malti anzi kważi bl-Għawdxi. U kienet tkun l-istess kieku għamilniha bl-Ingliż? U żgur li le. Mela l-kwistjoni tal-lingwa mhix biex niftehmu. Din l-idea li lit-tfal qed ngħidulhom tgħallem l-Ingliż biss ħa tiftiehem. No, no, no, no. Fl-opinjoni tiegħi, min ma jafx jitkellem bil-Malti sew, ibati fl-oqsma tal-ħajja kollha. U s’issa l-Malti għalhekk huwa importanti li jinżamm. Għax jaqsam, għax jitkellem bl-emozzjonijiet.”

Min kellu jgħidli li fl-2024 se naslu fi stadju fejn niddibattu jekk aħniex se nżommu l-ilsien Malti jew le?

Jekk Zammit m’għandu l-ebda problema li l-Malti jmut, hija problema tiegħu u għandu jżommha għalih innifsu minflok juża l-midja li jagħmel parti minnha biex jibda jaħsel il-moħħ tal-poplu biex jaċċetta t-tneħħija gradwali tal-lingwa Maltija. Imissu aktar ikun jistħi li jkun ta’ din l-opinjoni meta ggradwa fil-Malti u għalhekk għandu jkun sod u jipproteġiha. Skont hu, ma nistgħux inżommu kollox u għalhekk, ejjew narmu l-lingwa għax kull bidu għandu t-tmiem u jagħmel analoġija mal-fatt li l-passju, logħba li xi darba kienet popolari u tintlagħab, tneħħiet gradwalment. Skużani imma x’analoġija hija din? Kif tista’ tiġġustifika l-mewt ta’ lingwa b’analoġija bħal din? Kif tista’ tqabbel lingwa ma’ logħba? L-ewwel nett il-passju mhux qed jispiċċa imma ġie mitmum għax iddaħħlu l-mingħula u djaboliċi video games li għalqu lit-tfal ġol-kmamar tagħhom u ġabuhom speċi disensibilizzati. U fejn trid tilgħab passju llum? F’nofs it-traffiku? Jiġifieri hi l-aġenda li ġabet il-passju fit-tmiemu u allura, din l-analoġija sservina biex turina li hemm aġenda biex inġibu l-lingwa Maltija fi tmiemha! Biex irridu ngħabbu f’dan il-pajjiż! Imma għaliex dan il-pajjiż irid ikollu dan it-tip ta’ ġurnaliżmu tal-bigilla u galletti? Taf x’bidu nixtieq nara t-tmiem tiegħu, apparti dak tal-korruzzjoni u l-patokrazija, għażiż Mark Laurence Zammit? Dak tal-mainstream midja lokali li ilha tilgħab bl-imħuħ tan-nies permezz ta’ ‘continuing education’ u propaganda vili.

Imbagħad Zammit tkellem dwar il-funzjonijiet u l-iskop ta’ lingwa. Iżda, għal darb’oħra, jonqos milli jagħtik il-verità kollha. L-ewwel nett, hemm sitt funzjonijiet tal-lingwa li huma: funzjoni referenzjali, funzjoni emottiva, funzjoni poetika, funzjoni konattiva, funzjoni fatika, u funzjoni metalingwali. B’ ‘funzjoni referenzjali’ nfissru li taqsam informazzjoni; b’ ‘funzjoni emottiva’ nfissru li tinterpreta emozzjonijiet, sentimenti, xewqat, u l-burdata. Zammit weħel ma’ din tal-aħħar biss. B’ ‘funzjoni poetika’ jew dik li hi magħrufa wkoll bħala ‘funzjoni estetika’, nfissru l-mod kif jiġi kkomunikat il-messaġġ, bħal pereżempju meta nużaw analoġiji iżda li jagħmlu sens, b’differenza minn dik li uża Zammit. B’ ‘funzjoni konattiva’ nfissru r-reazzjoni li l-persuna li tkun qed tiġi kkomunikata l-messaġġ, jew li tkun qed tagħti kas, tagħmel. B’ ‘funzjoni fatika’ nfissru dak il-kliem li jintuża biex tinbeda jew titwaqqaf konversazzjoni – bħal ‘Kif int’ jew ‘Narak aktar tard’. Bażikament, il-funzjoni fatika tistabbilixxi konnessjoni soċjali bejn in-nies mingħajr ma verament tikkomunika xi informazzjoni sinifikanti. Il-‘funzjoni metalingwali’ tfisser il-karatteristiċi, il-kliem u l-bqija tal-lingwa nnifisha.

Fuq kollox, dak li huwa ta’ importanza kbira, u li Mark Laurence Zammit jonqos milli jgħidlek hu li l-lingwa hija waħda mill-aktar partijiet importanti ta’ kull kultura. Huwa l-mod li bih in-nies jikkomunikaw ma’ xulxin, jibnu relazzjonijiet, u joħolqu sens ta’ komunità. Allura, bażikament, dak li qed jgħidlek Mark Laurence Zammit hu li twaqqa’ l-patrijottiżmu u tibda taċċetta l-fatt li se tgħix f’soċjetà sekulari bla sens ta’ kultura, appartenenza u komunità.

Iżda, hawnhekk tidħol verità kbira li Zammit jikxef: ‘Dak li ma nifhmux u n-nies li jaħdmu fil-midja jifhmuh tassew, huwa li n-nies ma jitkellmux biex jinftiehmu, iżda jitkellmu biex jaqsmu l-emozzjonijiet tagħhom. Fi kliem ieħor, Zammit qed jgħidlek, u jammetti, li l-ġurnalisti jużaw il-psikolingwistika, li huwa l-mod kif jgħaqqdu l-kliem flimkien biex jindottrinawk u jimmodifikaw l-imġieba tiegħek billi jmissu l-emozzjonijiet tiegħek, filwaqt li jaħslu moħħok! Dan huwa kif il-midja tifformak u timmodifikak filwaqt li tgħin biex iġġib bidliet immensament vasti li jridu l-kontrolluri tad-dinja.

L-analoġija bejn l-ilsien Malti u l-passju ma kinitx stupida biżżejjed biex iżejjen l-argument tiegħu. Hawnhekk tidħol stupidità oħra: ‘U s’issa, f’Malta, stajna naqsmu l-emozzjonijiet tagħna bl-aktar mod raw u profond bl-ilsien li tatna ommna. Għalhekk ħafna nies ‘tal-pepe’, biex insejħulhom hekk, li jitkellmu kważi esklussivament bl-Ingliż, għadhom jidgħu bil-Malti. Għax fejn jidħlu l-emozzjonijiet raw tagħna ġewwa fina, nerġgħu lura għal ħoġor ommna’. Jidher li għalih, id-dagħa huwa mod raw u profond kif nesprimu l-emozzjonijiet tagħna u tajjeb li ‘tal-pepe’ jagħmel dan bil-Malti. Iva, ejja nkomplu nidgħu bil-Malti, mhux hekk? Missier Qaddis, li qiegħed fis-smewwiet, jekk jogħġbok agħti kas tat-talb tiegħi, u dawwal l-uffiċċji tal-midja lokali tagħna sabiex il-ġurnalisti tagħha jkunu jistgħu jneħħu l-għanqbut li mela s-soqfa tal-uffiċċji tagħhom u jibdew jaħsbu b’mod ċar.

Min-naħa l-oħra jsejjaħ lill-ilsien Malti ‘ilsien omm’ u huwa propju għalhekk li għandu jkollok problema kbira jekk din il-lingwa tmut,għażiż Mark Laurence Zammit! Għax teħodna għal ‘ħoġor ommna’. Iżda lejn l-aħħar tal-argument tiegħu, jagħmel twist fl-argument biex jgħidlek li ‘importanti li nżommu l-Malti għax jippermettilna naqsmu l-emozzjonijiet tagħna.’ Fi kliem ieħor, qed jgħidlek biex tibqa’ tidgħi bil-Malti. Nazzjon Kattoliku taʼ ċelebrazzjonijiet pagani u ‘d-dnub tal-għoġol,’ iżomm id-dagħa. Iżda Zammit ma għamilx din it-tidwira għax ħass xi tingiża f’qalbu.

Saret apposta biex iżommok konfuż u biex ipoġġik f’komunità fejn jekk tisma’ l-Malti tajjeb, u jekk ma tismax il-Malti u tisma’ lingwi oħra, hu tajjeb ukoll. Saret apposta biex iżommok konfuż u biex ipoġġik f’komunità fejn xi darba, mintix ħa tisma’ l-Malti aktar għax kull bidu fih it-tmiem. Eżatt bħal fuq il-linja tal-ajru l-ġdida li suppost hi Maltija – forsi tisma’ l-Malti u forsi le. U inti għandek taċċetta dan bla ma tirribella. Għax dan huwa dak li l-midja qed tagħmel bil-ħasil tal-moħħ biex inti taċċetta kollox.

U jekk jogħġbok innota li qal li s’issa l-Malti għandu jinżamm. Jiġifieri, li fil-futur, mhux se jkun importanti li jinżamm. Ukoll, ir-raġuni stupida li jerġa’ jagħti hi dik li jaqsam l-emozzjonijiet, jiġifieri li l-Malti jibqa’ jidgħi. Ja poplu, insa l-identità kulturali tiegħek, is-sens ta’ appartenenza tiegħek, is-sens ta’ komunità tiegħek, u l-imħabba lejn pajjiżek u l-lingwa tiegħek. Sakemm tidgħi bil-Malti, qed tagħmel xogħol mill-aqwa.

Kull min għadu jaħseb li l-ilsien Malti m’għandux jiġi mitkellem minkejja li huma Maltin għax li titkellem bil-Malti tfisser li hu ‘ħamallu’ imma li mhux ‘ħamallu’ li tidgħi bil-Malti, allura għandu jagħmlilna pjaċir, jippakkja l-bagalji u jitlaq.


Kull min jaħseb li l-ilsien Malti għandu jitneħħa għandu jagħmlilna pjaċir, jippakkja l-bagalji u jitlaq.

Kull min ma jsib l-ebda problema li l-Malti jmut, għax jonqos milli jkollu sens ta’ patrijottiżmu u jqum għall-ilsien nattiv tiegħu, għax bla sinsla, għandu jagħmlilna pjaċir, jippakkja, u jitlaq.

L-argument ta’ Mark Laurence Zammit hu wieħed nieqes mill-prinċipji u jirrifletti lil dawk kollha li ma jġorrux il-blalen biex jieħdu pożizzjoni u jiddefenduha.

Darba waħda kien hemm l-ilsien Malti – u kien hemm Mark Laurence Zammit.

@lovinmaltaofficial

Mark Laurence Zammit from @timesofmalta says he wouldn’t have a problem if Maltese dies out, even though he graduated in Maltese 🇲🇹 However, he warned he does have a problem with people’s attitude towards the language 🤔

♬ original sound – Lovin Malta – Lovin Malta
Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram