“Jiena ġejja minn familja li konna naħdmu għal Robert Abela imma ser ikolli ngħidha li fuq din l-issue tal-abort Robert Abela sar pinnur”

Jiena ġejja minn familja li konna naħdmu għal Robert Abela imma ser ikolli ngħidha li fuq din l-issue tal-abort Robert Abela sar pinnur daqs Bernard Grech u bħalu spiċċa jibbrilla fil-parodiji tal-u-turns. Infakkar li meta Robert Abela fl-2020 ġie mistoqsi minn Mark Laurence Zammit:

“Inti kontra l-abort u jekk iva f’kull ċirkostanza?”

Abela kien wiegeb:

“Kontra l-abort f’kull ċirkostanza… Jekk isir referendum favur l-abort u l-maġġoranza tivvota iva jiġifieri jgħaddi r-referendum favur l-abort inti kif tivvota fil-parlament?” Abela rrisponda “Qed issaqsini dwar ċirkostanza li mhu ħa tiġri qatt f’pajjiżna.”

Fl-2022 Abela għamel U-turn. Waqt intervista jgħid:

“Allura t-tobba tagħna jistgħu jagħmlu l-intervent li huwa meħtieġ u li ma joqogħdux lura u issa tgħidli ‘ma jistax ikollok min jipprova jabbuża minn din l-emenda li se nagħmlu?’ Mela ma jistax ikollok tabib jew tabiba li jipprovaw jabbużaw.”

Mela Abela qed jammetti li qed jiftaħ għal-lok tal-abbuż. Mela allura qed jikkontradixxi lilu nnifsu u jammetti li din l-emenda ħa twassal għall-abbuż u għalhekk l-abort.

Pero` ta’ avukat li hu bis-sengħa tat-tidwir fil-kliem Abela qed jiddeskrivi din l-emenda bħala “intervent li hu meħtieġ” li mhu meħtieġ xejn u qed jitfa’ l-ħtija fuq it-tobba li jistgħu jabbużaw minflok iwaħħal fih u fil-gvern arroganti tiegħu li kienu huma stess li taw il-permess għal dan l-abbuż biex isir!

Forsi ħa jkun hawn minnkom li ħa tgħiduli “Imma inti ma kontx ktibt blog fejn irringrazzjajt lil Abela talli mar jara lil missierek l-isptar?” Dak in-nhar kien hemm xi Nazzjonalisti li għajruni korrotta bħalu.  Imbilli rringrazzjajtu m’għamilt xejn ħażin. Ma jfissirx li dak kollu li jagħmel Abela jiena ħa narah tajjeb bl-iskuża taż-żjara tiegħu lil missieri li wara kollox kien kanvażer tiegħu. Jien mhux ser nagħmel kif jagħmlu numru ta’ Maltin u għaliex missieri ta’ Robert Abela nippretendi li nerda’ xi impjieg, xi business, xi plot, xi flat jew xi paga fenomenali jispiċċaw imwaħħla fi skjavitu` mentali ta’ obbligi lejn il-partit ikun min ikun. Jien dak li hu tajjeb ta’ Robert Abela ngħidlu tajjeb imma dak li hu ħażin ngħidlu ħażin.

U wara kollox jien kont ktibt lil Abela fejn għarraftu li jekk mhux ħa jagħmlu minn kollox biex isalvaw lil missieri u jagħtu widen għal dak li konna qed ngħidulhom jien kont lesta nbigħ kulma għandi u ntella’ lil kull min kellu x’jaqsam ma’ din l-istorja fil-qrati.

L-istess bħal meta semmejt lill-Graffiti fi blog meta marru jħaqquha ma’ dawk li għamlu Kemmuna tagħhom bil-barka tal-“pro-business” platoon. Naf li Graffiti huma xellugin u favur l-abort. Ma jfissirx li ma narax il-ġlieda tagħhom kontra t-teħid ta’ dawn il-postijiet pubbliċi li suppost jappartjenu lill-poplu bħala waħda tajba.

Jiena ma rrid nintrabat mal-ebda ideoloġija jew partit biex imbagħad nispiċċa nitkaxkar mat-tagħwiġ u t-tbagħbis tagħhom. Jien marbuta biss ma’ Kristu li wara kollox kien jikser il-liġijiet tal-Lhud u jikkritika lill-kbarat u qassisin ta’ dak iż-żmien u għalhekk ma kinux jieħdu gost biH bħal meta mar jiekol fid-dar ta’ Fariżej prominenti u f’din l-ikla kiser waħda mit-tradizzjonijiet (ċioe’ regola) tagħhom billi fejjaq raġel f’ġurnata fejn suppost għax kien “on a Sabbath” m’għamilx dan. Kristu kien ribelli!

U jiena nimxi warajH: “niekol mal-Fariżej” imma mbagħad nikser kull tradizzjoni/regola fażulla tagħhom!

Jibqa’ l-fatt li dak li qed jipproponi l-gvern li issa jidher li lest li jerġa’ għamel xi u-turn oħra u jbiddel xi ħaġa biex jagħlaq ħalq il-poplu imma xorta jibqa’ l-fatt li lest iħalli ħafna lakuni għal tal-apposta. Mela Prim Ministru qed juri li hu bla sinsla u qed jagħmel u-turns kbar ħalli jogħġob lil dawk li qed imexxuh bl-ispag fil-patt djaboliku li issa hu stess għamel. Qed imur mal-kurrent ta’ x’inhu jiġri f’pajjiżi barranin u qed ikaxkar lil Malta u lill-Maltin miegħu.

Anzi Bernard Grech qed jogħmod sew dak li qed jinkiteb f’dan is-sit u spiċċa jitkellem kontra din l-emenda! U nispera li dawk li jridu jkollhom kuxjenza safja jivvutaw kontrieha fil-Parlament!

U meta f’din l-intervista riċenti t’hawn isfel Abela reġa’ ġie mistoqsi fuq l-abort minn Mark Laurence Zammit li staqsieh li anki n-nies qed iħossu li din l-emenda ħa tiftaħ it-triq għall-abort għamel sew Mark li qabbel din mal-mod kif ġara fl-IVF Abela sejħilhom “spekulazzjonijiet”.

Taf x’inhi d-diżgrazzja li ‘l hekk imsejħa “media indipendenti” ilha tipprova tipprogramma lill-poplu favur din l-emenda abortiva bl-artikli tagħha. Anzi lbieraħ intwera li l-poplu mhux mazzun u qed jinduna bil-logħba li qed tinħadem kontra tiegħu stess.

Facebook
X (Formerly Twitter)
LinkedIn
Telegram